Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

06/17/2026 | Press release | Distributed by Public on 06/18/2026 05:10

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Il-Ministri għall-Intern ta’ Malta, l-Italja, Ċipru u l-Greċja jsaħħu l-koordinazzjoni reġjonali dwar il-immigrazzjoni irregolari


Fuq stedina tal-Ministru tal-Intern Taljan, Matteo Piantedosi, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, flimkien mal-Ministru Ċiprijott għall-Immigrazzjoni u l-Protezzjoni Internazzjonali, Nicholas Ioannides, u l-Ministru Grieg għall-Immigrazzjoni u l-Ażil, Athanasios Plevris, ilbieraħ iltaqgħu f'Ruma sabiex jiddiskutu l-immigrazzjoni irregolari u l-koordinazzjoni reġjonali f'dan il-qasam.

Il-laqgħa - inizjattiva mħabbra mill-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni waqt is-Summit ta' Ċipru f'April li għadda - iffukat fuq l-iżvilupp ta' strateġiji komuni ġodda li għandhom jiġu ppreżentati fil-livell Ewropew, bil-għan li jiġu evitati kriżijiet migratorji potenzjali marbuta mal-instabbiltà ġeopolitika attwali fil-Lvant Nofsani.

Il-ministri enfasizzaw il-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ il-kooperazzjoni investigattiva sabiex jiġu identifikati u żarmati n-netwerks involuti fit-traffikar tal-bnedmin. Huma tennew ukoll li l-operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ fuq il-baħar huma kompetenza esklussiva tal-Istati, filwaqt li esprimew tħassib li l-preżenza ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) f'ċerti żoni marittimi tista' sservi bħala fattur li jinkoraġġixxi t-tluq irregolari minn pajjiżi fl-Afrika ta' Fuq.

Matul il-laqgħa, il-ministri qablu wkoll dwar numru ta' prijoritajiet oħra, fosthom:

• Il-ġlieda kontra l-abbuż mis-sistema tal-ażil, filwaqt li jiġi mħares id-dritt għall-ażil u fl-istess ħin jiġi evitat l-użu ħażin tiegħu;

• Il-promozzjoni tar-ritorn volontarju assistit, permezz ta' appoġġ għal programmi ta' ripatrijazzjoni minn pajjiżi ta' tranżitu lejn il-pajjiżi tal-oriġini; u

• It-tisħiħ tal-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, permezz ta' aktar kapaċità operattiva u koordinazzjoni biex jiġu ssalvagwardjati l-fruntieri tal-Unjoni.​

Sabiex tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi involuti, il-ministri qablu li jistabbilixxu netwerk ta' punti ta' kuntatt nazzjonali, responsabbli mill-prevenzjoni tal-flussi migratorji irregolari u mill-faċilitazzjoni ta' rispons rapidu u koordinat f'każ ta' emerġenzi relatati mal-migrazzjoni.

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on June 17, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on June 18, 2026 at 11:10 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]