03/10/2026 | Press release | Distributed by Public on 03/11/2026 09:41
Filwaqt li appella lill-UE biex issaħħaħ il-ħila tagħha li tingħaqad u twettaq fi żminijiet ta' inċertezza, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg wissa li kunflitt fit-tul fil-Lvant Nofsani joħloq sfidi umanitarji, politiċi u ta' sigurtà serji li jistgħu jilħqu ferm lil hinn mir-reġjun, anke fl-Ewropa.
L-Erbgħa waranofsinhar, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu indirizza laqgħa tal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri tal-UE f'Malta, ospitata mill-Kummissarju Għoli ta' Ċipru f'Malta, Yiorgos Christofides, bħala parti mill-Presidenza Ċiprijotta tal-Unjoni Ewropea (UE). Dr Borg faħħar il-Presidenza ta' Ċipru għat-tmexxija tagħha f'mument partikolarment impenjattiv, meta l-Unjoni hija msejjħa turi direzzjoni strateġika, kredibbiltà u tħejjija.
"L-ordni internazzjonali tinsab taħt pressjoni, il-kunflitti qed isiru dejjem aktar interkonnessi, u l-konsegwenzi ta' għażliet żbaljati qed jiżdiedu. F'dan il-kuntest, l-Ewropa jeħtieġ twieġeb billi tkun koerenti, billi żżomm mal-prinċipji tagħha, u tkun kapaċi tinfluwenza u ssawwar l-iżviluppi madwarha, aktar milli sempliċiment tirreaġixxi għalihom," qal Dr Borg, filwaqt li fakkar li l-kunflitti li għaddejjin bħalissa u kriżijiet oħra qed jaffettwaw is-sigurtà globali, is-swieq tal-enerġija u l-fiduċja ekonomika.
Id-Deputat Prim Ministru Malti spjega li l-iżviluppi reċenti fil-Lvant Nofsani u fil-Golf ikkonfermaw mill-ġdid li l-instabbiltà f'reġjun wieħed tħalli impatti ferm lil hinn mill-fruntieri tal-istess reġjun, u li kunflitt u inċertezza kontinwi qed ipoġġu żoni ġirien, inklużi stati tal-UE fil-qrib, f'riskju ta' sfidi serji. F'dan ir-rigward, huwa enfasizza l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex tiġi żgurata s-sigurtà taċ-ċivili milquta minn dan il-kunflitt, inklużi ċittadini Ewropej li jgħixu, jaħdmu u jivvjaġġaw fil-pajjiżi tal-Golf.
"Hemm bżonn ta' koordinazzjoni aktar b'saħħitha fuq kull livell. Ma nistgħux nirriskjaw li nkunu meqjusa bħala inkonsistenti u neqsin mill-kredibbiltà," Dr Borg ħeġġeġ lill-kapijiet tal-missjonijiet preżenti, hekk kif irrefera għall-kooperazzjoni reċenti bejn l-UE u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) bħala impenn effettiv li jsaħħaħ il-kredibbiltà f'mumenti ta' tensjoni. "Irridu nibnu fuq dawn l-isforzi diplomatiċi permezz ta' impenn internazzjonali kontinwu sabiex il-kunflitt ma jibqax jeskala, u sabiex terġa' lura l-istabbiltà. Filwaqt li r-riżultati mixtieqa mhux se jaslu mil-lum għal għada, dan l-impenn jibqa' essenzjali biex nevitaw riperkussjonijiet reġjonali ulterjuri, u biex noħolqu spazju għal soluzzjonijiet fit-tul," żied jgħid Dr Borg.
B'referenza għall-gwerra fl-Ukrajna, Dr Borg innota li għal darb'oħra l-UE trid tibqa' magħquda u tħaddan l-għanijiet komuni tagħha sabiex tiżgura li l-poplu Ukren ikollu l-mezzi biex jibqa' jiddefendi ruħu mill-aggressjoni tar-Russja, filwaqt li jippjana għar-rikostruzzjoni. "Il-kredibbiltà tal-Ewropa, u l-futur tal-Ukrajna, jistrieħu fuq dan kollu" hu sostna.
"L-Ewropa għandha quddiemha aġenda impenjattiva, iżda għandha wkoll l-għodda, l-imsieħba u r-responsabbiltà biex tikseb ir-riżultati. Madankollu, biex dan iseħħ irridu naħdmu flimkien u nsaħħu l-ħila tagħna li nwettqu dak li naqblu fuqu. Hekk biss l-Unjoni Ewropea tista' tkompli tkun forza għall-istabbiltà u l-kooperazzjoni f'dinja b'dejjem iżjed inċertezza," temm jgħid Dr Borg.