Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti nieda l-inizjattiva taċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora - Karta Festa 2026. It-tnedija li saret f'maħżen tal-Karnival fil-Marsa, tirrifletti l-kreattività, l-artiġjanat u l-ispirtu komunitarju kondiviż mit-tradizzjoni tal-Karnival u l-esplorazzjoni xjentifika.
Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti enfasizza kif Karta Festa jgħaqqad ix-xjenza, is-sostenibbiltà u l-wirt kulturali Malti permezz ta' esperjenzi prattiċi u aċċessibbli għall-pubbliku kollu. Huwa qal, "Karta Festa tirrifletti l-impenn kontinwu tal-Gvern li jinvesti fl-edukazzjoni xjentifika, il-kreattività u l-innovazzjoni bħala pilastri ewlenin għall-futur ta' pajjiżna. Bl-inkorporazzjoni tal-ħsieb xjentifiku fit-tradizzjonijiet kulturali tagħna, qegħdin niżguraw li ż-żgħażagħ u l-familji jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom fix-xjenza b'modi li huma inklussivi u konnessi direttament mal-identità u l-valuri ta' Malta."
Imnebbaħ mill-arti u t-tekniki tal-karrijiet tal-Karnival, Karta Festa 2026 joffri programm dinamiku li jinkludi wirjiet tax-xjenza live, workshops kreattivi u interactive drop-in activities għall-etajiet kollha. Fost l-attivitajiet ewlenin hemm wirja tax-xjenza live li tesplora l-konservazzjoni tal-ilma u ċ-ċiklu tal-ilma; workshops prattiċi ffukati fuq ir-riċiklaġġ, it-tessuti u materjali sostenibbli; sessjonijiet ta' rakkontar ta' stejjer għal tfal iżgħar b'temi ambjentali u tal-baħar; kif ukoll attivitajiet kreattivi ta' Science on the Spot fejn il-viżitaturi jikkontribwixxu fid-disinn, il-bini u r-restawr ta' elementi ispirati mill-Karnival.
Id-Deputat Direttur ta' Esplora, Kiki Mizzi qalet, "Il-Karnival huwa ċelebrazzjoni ta' immaġinazzjoni, kuluri u artiġjanat. Permezz ta' Karta Festa, qegħdin inpoġġu l-arti fiċ-ċentru tat-tagħlim u nħeġġu lill-parteċipanti jesploraw id-disinn, il-forom u l-kreattività filwaqt li jiskopru kif il-proċessi artistiċi jingħaqdu max-xjenza."
Karta Festa 2026 se ssir fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora bejn l-14 u s-17 ta' Frar 2026, matul il-perjodu tal-Karnival. Il-programm se joffri lill-familji opportunità unika biex jesperjenzaw ix-xjenza permezz ta' waħda mill-aktar tradizzjonijiet kulturali vibranti ta' Malta. Aktar dettalji dwar il-programm u informazzjoni sabiex wieħed jibbukkja se jitħabbru eqreb tal-avveniment.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista' jżur www.esplora.org.mt