Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

05/09/2025 | Press release | Distributed by Public on 05/10/2025 04:52

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Għaddej ix-xogħol fuq l-estensjoni tal-Park tal-Familja f’Bengħajsa

Għaddej ix-xogħol fil-Park tal-Familja f'Bengħajsa, biex dan il-park fin-naħa t'isfel tal-pajjiż jikber b'7,000 metru kwadru ieħor. Żaru x-xogħlijiet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, flimkien ma' Project Green u l-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa.

Wara li Project Green ħadmet fuq id-disinn ta' din il-fażi tal-proġett u nħarġu l-permessi, issa ngħata bidu għax-xogħlijiet fejn bħalissa qed isir qtugħ ta' ħaxix ħażin biex ikun jista' jsir xogħol ta' surveying u analiżi tal-kundizzjoni tal-art, biex b'hekk ma jkunx hemm impatt ħażin fuq il-bijodiversità. Bħala parti mill-proġett se jitħawwlu 141 siġra u bosta arbuxelli.

"Il-Park tal-Familja ta' Bengħajsa qed iservi ta' pulmun aħdar f'din il-komunità, li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar familji qed igawduh. Qed naraw li l-Park ta' Bengħajsa mhux biss jikber u jkun aktar aċċessibbli iżda jagħti valur miżjud lill-komunità," qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-proġett jinkludi pavimentar geogrid biex jistabbilizza l-ħamrija u jipprovdi passaġġ aċċessibbli. Se jinbena ġibjun għall-ilma ta' 290 metru kubu biex b'hekk tkun tista' ssir sistema ta' irrigazzjoni biex tintuża għat-tisqija ta' din iż-żona.

Din l-estensjoni li tagħmel parti mil-Park ta' Bengħajsa, se tibqa' tinżamm fl-istat naturali tagħha, ħalli jonqos l-impatt fuq it-topografija naturali ta' din iż-żona. F'dan il-proċess se jiġu introdotti tgħamir tal-logħob bħal slides u faċilitajiet inklussivi bħal bandli li jkunu aċċessibbli għal kulħadd kif ukoll rampi li jkomplu jagħmlu dan il-Park wieħed aċċessibbli.

Il-Kap tal-Implimentazzjoni tal-Programm ta' Project Green, Liana Saliba Gazzano, spjegat li, "Matul din il-fażi f'dan il-proġett, qed naraw li l-Park ta' Bengħajsa jkompli jikber fejn din iż-żona se tiġi riabilitata biex b'hekk aktar familji jkunu jistgħu jgawdu dan il-Park. B'din l-estensjoni se nkunu qed nilħqu lil madwar 1,700 persuna li jgħixu għaxar minuti mixi 'l bogħod."

​​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on May 09, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on May 10, 2025 at 10:52 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at support@pubt.io