Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

03/06/2026 | Press release | Distributed by Public on 03/07/2026 06:46

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA Jingħata bidu għal Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni fil-Kastell Verdala

Il-Ġimgħa filgħaxija, fil-Kastell Verdala fetħet uffiċjalment l-attività Kwareżima - Arti, Kult u Tradizzjoni, b'kunċert mill-Kor San Pietru fil-Ktajjen ta' Birżebbuġa, b'riflessjonijiet dwar il-Passjoni ta' Sidna Ġesù Kristu.

Din l-attività unika hi miftuħa għall-pubbliku, u dawk li jattendu jistgħu jaraw artifatti uniċi u ta' valur storiku importanti, fosthom esebiti li qatt qabel ma kienu esposti għall-pubbliku, u biċċiet tal-arti minn artisti lokali fosthom Antonio Sciortino, Antonio Mifsud, Christ Ebejer u l-familja Camilleri Cauchi.​​

Bejn illum u għada l-Ħadd, dawk li jattendu jistgħu jgawdu seba' kunċerti u ħames diskussjonijiet, iżuru l-wirjiet ta' abbozzi, esebiti, u vestwarju. Se jiġu organizzati wkoll purċissjonijiet, inkluż il-Purċissjoni s-Sewda li qed issir barra l-Birgu għall-ewwel darba fl-istorja, u programmi mużikali kif ukoll il-Purċissjoni Penitenzjali, fost oħrajn. Qed ikunu esebiti wkoll kollezzjonijiet privati ta' santi u kurċifissi, dokumenti storiċi u biċċiet tal-arti kontemporanja.

Fost l-esebiti hemm ukoll artifatti storiċi u uniċi li jinkludu oġġetti tal-Ġimgħa l-Kbira li jmorru lura sekli, fosthom mill-1784, relikwarju tal-1753, xbigħa użata mill-Kavallieri ta' San Ġwann waqt il-funzjonijiet tagħhom, u statwi tas-Seklu 19. Qed tiġi esebita wkoll kollezzjoni ta' kotba, fosthom uħud li kienu jintużaw minn Gran Mastri għat-talb privat.

Dawk li jżuru din l-attività se jkollhom l-opportunità jaraw kif is-swali tal-Kastell Verdala, fosthom is-sala prinċipali mad-dħul fil-Kastell, inbidlu f'xenarji differenti bi statwi ta' daqs uman, li jinkludu Kurċifiss mill-isbaħ u antik, li jintuża fil-Purċissjoni s-Sewda tal-Birgu.

Qed jinfetħu wkoll żoni tal-Kastell li s-soltu ma jkunux aċċessibbli, inkluż l-istalel ta' żmien il-Kavallieri fejn qed issir wirja ta' pitturi tal-Ġimgħa l-Kbira. Dawn l-istalel imorru lura għall-bidu tal-1700, meta kienu nbnew mill-Gran Mastru António Manoel de Vilhena, u minnhom infushom huma wirt arkitettoniku ta' pajjiżna.

Il-biljetti jiswew biss €10, u jagħtu aċċess ta' ġurnata sħiħa attivitajiet fil-Kastell Verdala. Il-biljetti jistgħu jinkisbu onlajn, fuq Kwareżima - Arti, Kult u Tradizzjoni | ShowsHappening jew billi dak li jkun jattendi personalment u jħallas mal-bieb.

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on March 06, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on March 07, 2026 at 12:46 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]