Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

06/14/2025 | Press release | Distributed by Public on 06/15/2025 02:32

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul jindirizza l-forum annwali tal-koalizzjoni globali għall-ġustizzja soċjali



F'Ġinevra, matul it-tieni forum annwali tal-koalizzjoni globali għall-ġustizzja soċjali, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul saħaq li l-ebda transizzjoni sostenibbli mhi possibbli mingħajr djalogu soċjali b'saħħtu u kostruttiv bejn il-ħaddiema, min iħaddem u s-soċjetà ċivili. Hawnhekk semma l-konsultazzjoni li dejjem saret f'Malta meta ġew introdotti liġijiet u miżuri kuraġġużi li biddlu l-ħajja tan-nies.

Is-Segretarju Parlamentari qed jindirizza dan il-Forum sena minn meta Malta ngħaqdet formalment fil-Koalizzjoni Globali għall-Ġustizzja Soċjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, l-ILO, flimkien ma' iktar minn 350 membru ieħor, fejn il-membri qed jagħtu sehemhom fit-tfassil ta' politika li tħares il-ġustizzja soċjali u tassigura xogħol dinjituż għall-ħaddiema kollha, inkluż dawk f'pajjiżna.

Fl-indirizz tiegħu s-Segretarju Parlamentari Ellul tkellem ukoll dwar l-innovazzjoni u d-drittijiet tal-ħaddiema u kif dawn jistgħu jipprogressaw u jissaħħu id f'id. Huwa rrefera wkoll għall-Politika Nazzjonali dwar il-Familja, politika li ssaħħaħ l-għajnuna għall-familji Maltin, li tippromwovi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja filwaqt li tassigura li l-iżvilupp soċjali jirrifletti r-realtajiet tal-familji. "Il-benesseri tal-familji Maltin u Għawdxin huma fil-qalba tal-progress ta' pajjiżna."

Dr Ellul spjega wkoll dwar il-Viżjoni Malta 2050, il-pjan fit-tul li nieda pajjiżna li jpoġġi lill-poplu Malti fiċ-ċentru tal-politika ekonomika u ambjentali. "Il-bidla hija għażla. Permezz ta' djalogu soċjali miftuħ, kull pajjiż jista' jassigura li l-ġustizzja soċjali mhijiex biss mitkellma jew diskussa iżda esperjenzata minn kull ċittadin madwar id-dinja," sostna Dr Ellul.

Is-Segretarju Parlamentari kellu wkoll laqgħa bilaterali mad Direttur Ġenerali tal ILO, Gilbert F. Houngbo, fejn it-tema ewlenija kienet is-suq tax-xogħol f'Malta. Din il-laqgħa kienet opportunità biex jiġu diskussi l-prijoritajiet nazzjonali f'dan il-qasam u l-mod kif Malta qed tkompli ssaħħaħ il-qagħda tal-ħaddiema u l-kompetittività tas-suq tax-xogħol.

Id-Direttur Ġenerali faħħar lill-Gvern Malti għall-impenn qawwi tiegħu lejn il-ħaddiema u għas-sforzi konkreti sabiex jiġi żgurat suq tax-xogħol aktar ġust, dinamiku u inklussiv. Huwa nnota wkoll il-kontribut b'saħħtu ta' Malta fil-livell internazzjonali fi ħdan l-ILO.


​​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on June 14, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on June 15, 2025 at 08:32 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at support@pubt.io