03/02/2026 | Press release | Distributed by Public on 03/03/2026 10:17
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), strument taħt NextGenerationEU, tkompli tappoġġja investimenti trasformattivi li jgħinu lill-Istati Membri tal-UE jibnu ekonomiji aktar sostenibbli, reżiljenti u ppreparati għall-futur, b'mod partikolari fid-dawl tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
Bħala parti mill-Pjan ta' Rkupru u Reżiljenza ta' Malta (RRP), dan l-investiment huwa mmirat speċifikament lejn it-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija fis-settur pubbliku, permezz tat-tnaqqis tad-domanda tal-enerġija, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju u l-limitazzjoni tal-ħela tal-enerġija, permezz tar-rinnovazzjoni u r-retrofitting ta' binjiet pubbliċi.
Dan l-investiment jimmira għar-rinnovazzjoni ta' mill-inqas 9,232 metru kwadru ta' binjiet fis-settur pubbliku, b'xogħlijiet imfassla biex jintlaħaq tnaqqis minimu ta' 30% fid-domanda tal-enerġija primarja. Permezz ta' dawn l-interventi, l-infrastruttura pubblika qed tiġi mmodernizzata biex tilħaq standards ogħla ta' prestazzjoni enerġetika, u b'hekk tikkontribwixxi direttament għall-għanijiet klimatiċi nazzjonali u Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qiegħed ikun minn ta' quddiem biex mhux biss jimmodernizza l-faċilitajiet tad-Dipartiment iżda wkoll jara li jkun sostenibbli u jtejjeb l-ambjent ta' madwarna. Huwa kompla jgħid kif dan preċiżament juri li l-Viżjoni Malta 2050, imħabbra ftit tal-jiem ilu, qiegħda tibda titwettaq minn issa, hekk kif dan l-investiment massiv jallinja mal-pilastru tat-Tkabbir Ekonomiku Sostenibbli.
Min-naħa tiegħu, il-Perit Alexander Cutajar qal kif dan il-proġett kien maħsub biex il-binja tkun "energy saving" u għalhekk saru panelli fotovoltajiċi, it-twieqi 'double glazed', kif ukoll sar ġibjun tal-ilma fejn l-ilma li jinżamm ikun jista' jerġa' jintuża. Apparti minn hekk, inħoloq ambjent li huwa iżjed sigur li se jgawdu minnu l-ħaddiema li jaħdmu hemm ta' kuljum.
Ix-xogħlijiet imwettqa taħt dan l-investiment inkludew pakkett komprensiv ta' miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija mfassla biex jimmassimizzaw il-prestazzjoni u s-sostenibbiltà. Dawn l-interventi inkludew is-sostituzzjoni ta' sistemi tal-arja kkundizzjonata antikwati b'alternattivi aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, l-installazzjoni ta' insulazzjoni fis-soqfa u l-ħitan biex jitnaqqas it-telf u ż-żieda tas-sħana, l-applikazzjoni ta' żebgħa riflettiva biex titjieb il-prestazzjoni termali, l-aġġornament tal-aperturi b'sistemi ta' ħġieġ doppju, kif ukoll l-installazzjoni ta' pannelli fotovoltajċi (PV) għall-ġenerazzjoni ta' enerġija nadifa u rinnovabbli fuq il-post.
Ir-rinnovazzjoni ta' 10 binjiet pubbliċi qed titwettaq taħt dan l-investiment tal-RRP. Sal-lum, ix-xogħlijiet tlestew b'suċċess f'sitt binjiet, filwaqt li l-proġetti l-oħra jinsabu f'diversi stadji ta' implimentazzjoni u huma marbutin ma' miżura 68 u miżura 70 tal-Viżjoni Malta 2050, fejn l-għan primarju huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet kif ukoll tissaħħaħ is-sehem tal-enerġija rinnovabbli f'Malta permezz tad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, fosthom permezz tal-installazzjoni ta' sistemi fotovoltajċi.
Dawn l-aġġornamenti mhux biss iwasslu benefiċċji ambjentali li jistgħu jitkejlu permezz ta' tnaqqis fl-emissjonijiet u fil-konsum tal-enerġija, iżda jtejbu wkoll il-funzjonalità, il-kumdità u s-sostenibbiltà fit-tul tal-binjiet pubbliċi għall-impjegati u l-utenti tas-servizzi.
Il-Gvern jibqa' impenjat li jimmassimizza l-impatt tal-investimenti ffinanzjati mill-UE, filwaqt li jiżgura li l-infrastruttura pubblika jkollha rwol ewlieni fit-tranżizzjoni ta' Malta lejn futur aktar ekoloġiku, effiċjenti fl-enerġija u reżiljenti.