02/18/2026 | Press release | Distributed by Public on 02/19/2026 07:35
Inawgurati llum erba' vetturi ġodda tat-tifi tan-nar għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD), b'investiment ta' kważi €3.5 miljun li jkompli jsaħħaħ il-preparazzjoni u r-reżiljenza quddiem emerġenzi li jolqtu lill-pajjiżna.
Matul l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, sostna li dan l-investiment jirrifletti l-prinċipju li jmexxi l-ħidma tal-Ministeru - li s-sigurtà tan-nies tibqa' l-ogħla prijorità filwaqt li Malta jeħtieġ tkun dejjem ippreparata għal dak li jista' jinqala.
Huwa rrefera għall-mod professjonali kif id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma' entitajiet oħra ħadmu id f'id sabiex taw is-serħan il-moħħ lill-familji Maltin quddiem sfidi ta' maltemp fl-aħħar ġimgħat. "Is-sigurtà tagħkom, il-prijorità tagħna, mhijiex sempliċiment messaġġ tal-okkażjoni, iżda ħsieb li ngħixu kuljum fid-deċiżjonijiet li nieħdu u fir-riżorsi li nallokaw. Illum qed naraw ir-riżultat ta' investiment sostanzjali favur Malta aktar preparata," qal il-ministru.
Huwa fakkar kif f'dawn l-aħħar snin il-Gvern kompla jżid b'mod qawwi r-riżorsi allokati lid-dipartiment, investiment li qed jinħass direttament fil-ħarsien tal-familji Maltin quddiem kundizzjonijiet diffiċli u emerġenzi kumplessi. Il-ministru spjega li dawn il-vetturi moderni se jkomplu jsaħħu u jimmodernizzaw il-flotta tad-dipartiment, b'kapaċità li jintużaw f'diversi xenarji - inklużi nirien f'djar, garaxxijiet u binjiet industrijali - speċjalment f'ambjenti urbani fejn ir-rispons rapidu huwa kruċjali, u enfasizza li dan jifforma parti minn pjan fit-tul biex il-pajjiż jibqa' fl-aqwa pożizzjoni li jirrispondi meta jkun hemm bżonn.
Il-ministru semma wkoll li matul is-sena li għaddiet, id-dipartiment issejjaħ għal 6,638 inċident, li juri kemm ir-rwol tiegħu huwa kruċjali fis-sigurtà nazzjonali. Filwaqt li l-investiment jibqa' essenzjali, il-prevenzjoni tibqa' l-aqwa għodda biex jiġu evitati inċidenti, u għalhekk se jkomplu jissaħħu inizjattivi ta' informazzjoni u prevenzjoni.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, qal li l-inawgurazzjoni tal-erba' vetturi mill-aktar avvanzati timmarka pass importanti kemm għad-Dipartiment kif ukoll għas-sigurtà tal-komunitajiet Maltin. Huwa spjega kif f'dawn l-aħħar xhur Malta ffaċċjat sfidi serji, inklużi żewġ nirien kbar u l-impatt tal-Maltempata Harry, li enfasizzaw il-ħtieġa li d-Dipartiment jibqa' mgħammar bl-aqwa riżorsi disponibbli.
"L-investiment f'teknoloġija avvanzata tat-tifi tan-nar huwa investiment dirett fil-protezzjoni tal-ħajjiet u tal-proprjetà. Flimkien, b'dawn il-vetturi ġodda, se nkomplu ntejbu l-kapaċità tagħna li nipproteġu l-komunitajiet u nsalvaw il-ħajjiet," temm jgħid id-Direttur Ġenerali.
Il-Ministru Camilleri rrimarka li fl-aħħar snin id-Dipartiment għadda minn trasformazzjoni pożittiva, b'investiment mhux biss f'apparat u teknoloġija, iżda wkoll fir-riżorsa umana u fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. "Se nibqgħu nibnu fuq dan il-progress. L-investiment tal-lum u dawk ippjanati għall-futur għandhom għan wieħed ċar - li nipproteġu u nsalvaw il-ħajjiet," temm jgħid il-ministru.