Jinġabar 50kg ta' skart waqt l-ewwel avveniment
Ġiet imnedija l-kampanja 'Islands Cleanup' għal darb'oħra mill-Ministeru għall-Ambjent u l-Enerġija bil-kollaborazzjoni tal-kampanja Saving our Blue, Project Green, u d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni.
Wara s-suċċess tas-snin preċedenti, il-kampanja Islands Cleanup tkompli tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet, NGOs, żgħażagħ, u l-komunitajiet lokali sabiex jipparteċipaw b'mod attiv f'kampanji li jqajmu kuxjenza dwar l-importanza tal-preservazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar ta' pajjiżna.
Il-kampanja ta' din is-sena ġiet imnedija fil-Bajja s-Sabiħa, f'Birżebbuġa, fejn NGOs u individwi pparteċipaw f'cleanups kemm fil-baħar kif ukoll fuq l-art. Total ta' 50kg ta' skart ġie miġbur, separat u pproċessat b'mod korrett.
"Hekk kif din il-kampanja tidħol għal sena oħra, huwa ta' kuraġġ li wieħed jara numru dejjem jikber ta' għaqdiet, NGOs, u żgħażagħ li qed jissieħbu fil-kampanja Islands Cleanup. Inħeġġeġ lill-pubbliku biex jinvolvi ruħu f'dawn il-kampanji. Kif ukoll nappella lill-pubbliku biex jieħu ħsieb l-ambjent tagħna u jarmi l-iskart b'mod responsabbli," qalet il-Ministru Dalli.
"Islands Cleanup hija attività li nagħmlu kull sena u dejjem nistiednu għaqdiet, kif ukoll individwi, biex jipparteċipaw, għaliex li nżommu pajjiżna nadif m'għandhiex tkun biss ir-responsabbiltà tagħna bħala gvern jew tal-għaqdiet, iżda għandha tkun ir-responsabbiltà ta' kulħadd bi sforz nazzjonali," qal is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield.
Din il-kampanja hija miftuħa għal kumpaniji privati, skejjel, entitajiet mhux governattivi, u organizzazzjonijiet oħra li jixtiequ jikkontribwixxu għal ambjent aħjar filwaqt li jwettqu wkoll parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) tagħhom.
Kull min jirreġistra se jingħata l-apparat kollu meħtieġ biex jagħmel ix-xogħol meħtieġ, biex il-proċess ikun effiċjenti u sigur. Wara kull tindifa, l-iskart miġbur jintiżen u jiġi sseparat skont ir-regolamenti tas-separazzjoni tal-iskart, u l-materjal riċiklabbli jintbagħat għall-ipproċessar. Il-parteċipanti jirċievu ċertifikat ta' parteċipazzjoni.
Għal aktar informazzjoni dwar kif tirreġistra għal attività ta' tindif żur https://savingourblue.gov.mt/island-cleanup/