Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

09/27/2025 | Press release | Distributed by Public on 09/28/2025 09:26

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU “It-tfal qatt ma għandhom jintużaw bħala strument tal-gwerra” – Id-Deputat[...]

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Dr Ian Borg, enfasizza l-impenn sod ta' Malta favur il-paċi, ir-responsabbiltà u l-protezzjoni tat-tfal fil-kunflitti armati waqt sensiela ta' impenji ta' livell għoli fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ġewwa New York.
Il-protezzjoni tat-tfal f'żoni ta' kunflitt kienet fuq quddiem tal-prijoritajiet ta' Malta. Id-Deputat Prim Ministru Borg ħa sehem fil-'High-Level Meeting on Restoring Childhood and Humanity - Advancing Peace in Ukraine Through the Return of Ukrainian Children', ppreseduta mill-Prim Ministru tal-Kanada, Mark Carney, u l-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelenskyy. Laqgħa li kellha l-għan li ssaħħaħ l-isforzi għar-ritorn tat-tfal Ukreni li ġew deportati illegalment mill-Federazzjoni Russa.
Fl-indirizz tiegħu, Dr Borg saħaq li "L-aħjar interessi tat-tfal għandhom jiggwidaw l-azzjonijiet kollha tagħna. Hu essenzjali li tiġi żgurata r-responsabbiltà ta' dawk responsabbli, u li l-ritorn ta' dawn it-tfal ikun parti integrali mill-kisba ta' paċi ġusta u dejjiema. Malta ser tkompli tappoġġja lill-Ukrajna f'dawn l-isforzi sabiex kull tifel u tifla jkunu jistgħu jerġgħu jingħaqdu mal-familja tagħhom, jirkupraw l-identità tagħhom, u jgħixu b'dinjità u sigurtà. Din hija r-responsabbiltà komuni tagħna, u l-impenn kollettiv tagħna għall-futur."
Fid-dawl tal-eskalazzjonijiet riċenti, Dr Borg ingħaqad ukoll mal-istqarrija tal-Kunsill tas-Sigurta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, fejn tenna b'mod ċar il-pożizzjoni ta' Malta, dik li l-fruntieri qatt ma għandhom jinbidlu bil-forza u li l-paċi trid tkun ġusta, dejjiema, u mibnija fuq il-liġijiet internazzjonali. Malta pparteċipat ukoll fil-laqgħa ta' livell għoli sabiex tiġi żgurata l-akkontabilità fl-Ukrajna.
Waqt l-idirizz tiegħu fil-'High-Level Event Humanitarian Diplomacy in Action: Collective Response to the Crises in the Middle East', Dr Borg tenna t-tħassib ta' Malta dwar is-sitwazzjoni umanitarja devastanti f'Gaza, is-Sirja, il-Jemen u l-Libanu. Huwa qabel mas-sejħa tas-Segretarju Ġenerali għall-waqfien mill-ġlied immedjat u bla kundizzjoni, kif ukoll għall-aċċess umanitarju bla xkiel, dan filwaqt li nnota li aktar minn 5,000 tifel u tifla f'Gaza qed isofru mill-malnutrizzjoni. "Il-ġuħ qatt m'għandu jintlaqa' mit-tiri", iddikjara, kif ukoll enfasizza l-ħtieġa urġenti għal djalogu umanitarju serju u effettiv.
Dan kollu jibni fuq l-ħidma ta' Malta, kemm matul il-presidenza tal-OSCE, t-tmexxija tal-Kunsill tas-Sigurtà, u issa bħala President tal-Kunsill tal-Ewropa. Iktar kmieni din is-sena, Malta kellha wkoll rwol ċentrali fil-ħolqien tat-Tribunal Speċjali għall-Kriminalità tal-Aggressjoni kontra l-Ukrajna, fl-istess waqt li pajjiżna kompla jqajjem kuxjenza fejn jidħlu t-tfal u l-kunflitti armati. Malta kompliet tisħaq ukoll fuq il-prinċipju li t-tfal qatt m'għandhom jintużaw bħala strumenti tal-gwerra u li l-protezzjoni tagħhom għandha tibqa' fil-qalba tal-aġenda internazzjonali.
"Matul dawn l-impenji fil-marġini tal-UNGA, komplejna nibnu fuq ix-xogħol li qed nagħmlu matul il-Presidenza ta' Malta tal-Kunsill tal-Ewropa u lil hinn. Organizzajna u ħadna sehem f'numru ta' inizjattivi, inkluż fl-ambaxxata tagħna, ħafna minnhom iffokaw fuq tema important għalina, dik tal-protezzjoni tat-tfal fil-kunflitti armati. B'dan il-mod, qed insaħħu dak li bdejna waqt it-tmexxija tagħna tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u qed niżguraw li din il-ħidma tibqa' parti ċentrali mill-aġenda internazzjonali fejn tidħol il-paċi u s-sigurtà."
Matul dawn il-jiem, id-Deputat Prim Ministru kellu wkoll sensiela ta' laqgħat oħra fosthom laqgħa li ġabet flimkien Ministri mill-UE u dawk mill-Amerka Latina u l-Karibew, laqgħa Ministerjali Troika tal-OSCE kif ukoll numru ta' laqgħat bilaterali. Flimkien mal-Ministru tal-Affarjiet Barranin tal-Andorra, Imma Tor Faus, ġie ffirmat ukoll ftehim ġdid għall-working holiday visas li ser jespandi l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ kif ukoll ikompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Dr Borg ħa sehem ukoll fl-Ikla Transatlantika, ospitata mis-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio, fejn ikkonferma mill-ġdid l-impenn ta' Malta biex tissaħħaħ ir-relazzjoni transatlantika u jiġu promossi l-valuri komuni.

​​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on September 27, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on September 28, 2025 at 15:27 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]