Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

09/15/2025 | Press release | Distributed by Public on 09/16/2025 13:12

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura binja ġdida tal-Qorti dedikata għall-Maġistrati Inkwirenti - proġett li se jkompli jsaħħaħ il-ġustizzja[...]

Fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard inawguraw binja ġdida tal-Qorti dedikata għall-Maġistrati Inkwirenti. Din hija inizjattiva oħra li tixhed viżjoni ċara u t'impenn sabiex is-sistema tal-ġustizzja tkun eqreb iċ-ċittadin, aktar moderna, effiċjenti u aċċessibbli għal kulħadd. Il-binja tal-Maġistrati Inkwirenti se tospita fiha s-sezzjoni speċjalizzata tal-Maġistrati Inkwirenti kif ukoll ir-Reġistru tal-Qorti ta' Ġurisdizzjoni Volontarja u uffiċini oħra. Dan se jwassal sabiex jitnaqqas l-piż fuq il-binja prinċipali eżistenti tal-Qorti, filwaqt li jiġi żgurat aktar spazju, organizzazzjoni u effiċjenza.

Waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif l-inawgurazzjoni ta' din il-binja timmarka tragward importanti ieħor fil-vjaġġ ta' pajjiżna lejn sistema ġudizzjarja aktar moderna u effiċjenti. Huwa semma' li dan il-pass ittieħed wara l-inizjattiva li ħa l-Gvern biex joħloq sessjoni speċjalizzata ta' Maġistrati Inkwirenti.

Il-Prim Ministru tenna kif din l-inizjattiva tikkumplimenta r-riforma li saret fil-proċess tal-inkjesti. Riforma li fuq kollox tħares id-drittijiet tal-vittmi u tassigura li t-talba għall-inkjesta tinbet minn skop ġġustifikat u fatti ċari. Huwa fakkar kif is-settur ġudizzjarju u l-ġudikatura jiffurmaw wieħed mit-tliet pilastri importanti li jsostni d-demokrazija ta' pajjiżna. Huwa saħaq li l-Gvern mhux biss qed iħares li jtejjeb l-infrastruttura neċessarja iżda qed jara ukoll li jiżdiedu l-inċentivi għal dawk kollha li jaħdmu fil-qasam ġudizzjarju, biex apparti l-mezzi meħtieġa biex ix-xogħol isir b'aktar effiċjenza, il-ġudikatura jkollha l-aqwa talent u l-aqwa riżorsi umana possibbli.

"Kull ma jmur qed inkomplu ntejbu s-sistema diġitali fi ħdan il-Qrati tagħna. Fosthom hemm investiment ta' €10 miljun favur Court Case Management System ġdida, li jinsab f'fażi ta' tendering, u l-iżvilupp u t-tnedija tal-Legal Aid Management System li permezz tagħha ddiġitalizzajna s-servizz tal-għajnuna legali biex jilħaq b'mod aktar effettiv liċ-ċittadini fil-gżejjer Maltin", irrimarka Dr Abela. Dan filwaqt li semma' investiment ieħor ta' kważi żewġ miljun ewro minn fondi Ewropej biex ġiet implimentata sistema t'awdjo ġdida fl-awli kollha. Investiment li se jassigura li r-rekordjar tas-seduti jsir b'mod ċar u sigur u jnaqqas għal kollox ir-riskju li jkun hemm bżonn li jerġgħu jinstemgħu xhieda mill-ġdid minħabba nuqqasijiet fis-sistema.

Il-Ministru Jonathan Attard sostna, "Bil-ftuħ uffiċjali tal-Palazzo Conte qed nifformalizzaw dan l-iżvilupp legali, fejn pajjiżna se jkollu sezzjoni tal-Maġistrati Inkwirenti speċjalizzata, iffukata fuq dan l-aspett tant sensittiv fil-proċedura penali, u li taħdem minn binja distinta mgħammra bl-għodod kollha neċessarji." Huwa żied jgħid li pajjiżna diġà qed jara l-frott ta' din l-ispeċjalizzazzjoni, hekk kif mill-bidu tal-2024, jiġifieri meta ġew assenjati l-4 Maġistrati Inkwirenti, sal-aħħar ta' Awwissu, daħlu 1251 inkjesta maġisterjali u ġew konklużi aktar minn 830. Dan ifisser konklużjoni ta' aktar minn 65%.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati Vanessa Grech qalet, "Il-Qrati u dak kollu li jġibu magħhom huwa servizz pubbliku, u huwa obbligu tagħna bħala Aġenzija li jkollna l-aħjar għodod, infrastruttura żviluppata, u riżorsa umana li tirrifletti l-ħtiġijiet mhux biss tal-ġurnata iżda ukoll tal-futur." Hija rrimarkat kif fl-aħħar snin l-Aġenzija rat tkabbir minn kull aspett. "L-ewwel ftehim kollettiv ta' ftit snin ilu kien biss il-bidu biex nattiraw l-akbar numru ta' ħaddiema fi ħdan il-Qorti, fejn illum għandna 'l fuq minn 580 ħaddiem, li minnhom hemm kważi 100 avukat jassistu direttament lill-Ġudikatura", sostniet Grech.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on September 15, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on September 16, 2025 at 19:12 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]