02/24/2026 | Press release | Distributed by Public on 02/25/2026 06:30
Waqt il-laqgħa mal-Ambaxxaturi għal Malta barra minn pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif dan l-appuntament annwali jgħin biex titqiegħed f'perspettiva l-aġenda diplomatika ta' pajjiżna għas-sena li ġejja.
Huwa nnota kif is-sena li għaddiet għalqet ċiklu importanti għall-politika barranija ta' pajjiżna. Dan b'referenza għal ċiklu li matulu l-aġenda internazzjonali tagħna kienet marbuta ma' impenji fl-ogħla livell, fin-Nazzjonijiet Magħquda, fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, u fil-Kunsill tal-Ewropa.
Il-Prim Ministru spjega li din is-sena qed toffri opportunità biex bħala pajjiż nirriflettu dwar kif se nkomplu nsaħħu s-servizz barrani tagħna għall-ġid tal-pajjiż u fl-interess nazzjonali. F'dan il-kuntest, ġiet magħżula t-tema "Niżguraw l-Iskop Tagħna", li tagħmel enfasi fuq din il-ħtieġa.
Dr Abela rrefera wkoll għall-Viżjoni Malta 2050, li tħares lejn il-futur li rridu nibnu bħala pajjiż. Huwa enfasizza li l-Ambaxxaturi għandhom rwol kruċjali biex din il-viżjoni nazzjonali tirnexxi. Flimkien mal-Konsli Onorarji, li din is-sena ngħaqdu għal din il-laqgħa, huma msejjħa jwasslu messaġġ ċar, dak li Malta hi miftuħa għad-dinja, mibnija fuq ix-xogħol, u determinata li taqbad opportunitajiet f'setturi ta' valur.
Il-Prim Ministru spjega kif il-ħidma diplomatika barra minn xtutna hija marbuta mill-qrib mal-ħidma nazzjonali li qed issir permezz tal-Viżjoni Malta 2050, b'mod partikolari f'pilastri bħall-kummerċ u t-turiżmu. Huwa ddeskriva lill-Ambaxxaturi bħala ċ-ċavetta li tiftaħ lil Malta għad-dinja.
Dwar il-kuntest internazzjonali, il-Prim Ministru wissa dwar sfidi u inċertezzi, kif ukoll il-ħtieġa ta' riformi fl-istituzzjonijiet multilaterali, b'mod speċjali għall-protezzjoni ta' pajjiżi żgħar. "Madwarna qed nesperjenzaw kuntest ta' sfidi u inċertezzi. Fi ħdan l-istituzzjonijiet multilaterali, qegħdin naraw il-bżonn ta' riformi li mhumiex qegħdin iseħħu, għall-periklu ta' pajjiżi żgħar bħal tagħna. Dawn huma realtajiet li ma nistgħux ma nagħtux kashom," tenna l-Prim Ministru. Huwa żied jgħid li fis-snin li għaddew, Malta uriet li kapaċi wkoll tagħti l-kontribut tagħha sabiex dawn iċ-ċirkostanzi jitjiebu, favur l-interessi nazzjonali iżda wkoll favur il-ġid komuni.
"Għamilna dan meta, flimkien ma' diversi pajjiżi oħra, irrikonoxxejna l-Istat tal-Palestina, sabiex żammejna ħajja t-tama f'Soluzzjoni ta' Żewġ Stati. Għamilna dan meta tajna sehemna biex l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa tibqa' tiffunzjona. Għamilna dan fil-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn ħdimna biex jiġi stabbilit it-Tribunal Speċjali għar-Reat tal-Aggressjoni kontra l-Ukrajna," sostna Dr Abela.
Issa, qal il-Prim Ministru, qed inkomplu naħsbu dwar kif Malta tista' tkun effettiva fir-reġjun tagħha stess, il-Mediterran. Storikament, il-Mediterran safa vittma ta' interessi li ma kinux neċessarjament interessi Mediterranji, anke jekk forsi kienu jaqblu mal-interessi ta' pajjiż jew ieħor fil-Mediterran. Għalhekk jeħtieġ li, fir-reġjun tal-Mediterran, inkomplu niżviluppaw il-kapaċitajiet tagħna li noħorġu b'soluzzjonijiet tassew Mediterranji għall-problemi li jaffetwawna lkoll.
Huwa semma wkoll il-kontribut ta' Malta fuq livell internazzjonali u r-rwol dejjem aktar importanti fil-Mediterran, b'enfasi fuq sfidi bħat-tibdil fil-klima, u s-sigurtà marittima.
Dr Abela temm billi esprima l-apprezzament tiegħu u tal-Gvern lis-Servizz Diplomatiku kollu għas-sehem importanti tiegħu fl-iżvilupp kontinwu ta' pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, radd ħajr lill-ambaxxaturi ta' Malta għad-dedikazzjoni tagħhom matul is-snin, b'mod partikolari għall-isforzi li wettqu permezz tar-rwoli bilaterali u multilaterali tagħhom matul it-terminu ta' Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Unit, iċ-Chairpersonship tal-OSCE fl-2024, u l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa fl-2025.
"Fi żminijiet ta' bidla ġeopolitika mgħaġġla, irridu nibnu fuq il-kisbiet multilaterali ta' dawn l-aħħar snin, filwaqt li nadattaw b'mod għaqli biex nibqgħu rilevanti u nindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kondiviżi, mingħajr ma ninsew il-prinċipji, l-miri u l-identità unika tagħna," qal Dr Borg.
Ritratti: OPM-DOI