Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

03/25/2026 | Press release | Distributed by Public on 03/26/2026 08:49

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Malta Red Cross tingħata l-European Solidarity Corps Quality Label

Il-Malta Red Cross ingħatat uffiċjalment il-Quality Label taħt il-programm European Solidarity Corps, waqt żjara mill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi. Dan ir-rikonoxximent jikkonferma li l-organizzazzjoni tissodisfa standards Ewropej ta' kwalità biex tilqa', tappoġġja u tmexxi voluntiera minn madwar l-Ewropa.

Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru Zrinzo Azzopardi enfasizza l-importanza ta' inizjattivi li jippromwovu s-solidarjetà u l-impenn ċiviku fost iż-żgħażagħ, filwaqt li joffru opportunitajiet ta' tagħlim u esperjenzi ħajja. Huwa nnota kif il-Quality Label tippermetti lill-Malta Red Cross tkompli tespandi l-ħidma tagħha u tattira aktar voluntiera internazzjonali li jikkontribwixxu b'mod attiv fil-komunità Maltija.

Il-Ministru qal li, "Dan ir-rikonoxximent huwa xhieda tal-ħidma importanti li qed twettaq il-Malta Red Cross, organizzazzjoni li mhux biss għandha preżenza soda fil-komunità tagħna, iżda wkoll rabtiet internazzjonali b'saħħithom. Permezz tal-Quality Label, se tkompli toffri esperjenzi ta' tagħlim u tkabbir personali lil voluntiera minn madwar l-Ewropa, filwaqt li ssaħħaħ il-valuri ta' solidarjetà, inklużjoni u rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem."

Huwa żied jgħid li inizjattivi bħal dawn juru kif il-Fondi Ewropej jistgħu jintużaw biex jappoġġjaw proġetti li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies, filwaqt li jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej.

F'dan il-kuntest, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Programmi tal-Unjoni Ewropea (EUPA), Raphael Scerri, faħħar dan l-iżvilupp u qal li, "Il-Quality Label hija pass importanti biex aktar organizzazzjonijiet Maltin ikunu jistgħu jieħdu sehem b'mod attiv fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Il-Malta Red Cross hija eżempju ċar ta' kif organizzazzjonijiet lokali jistgħu jilħqu standards Ewropej ta' kwalità u jkunu parti minn netwerk usa' ta' solidarjetà Ewropea."

Il-European Solidarity Corps huwa programm tal-Unjoni Ewropea li joffri opportunitajiet lil żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom f'attivitajiet ta' volontarjat, xogħol u proġetti li jindirizzaw sfidi soċjali u komunitarji.

Il-Malta Red Cross, għandha esperjenza twila f'oqsma bħal salvataġġ u patrols fuq il-bajjiet, kif ukoll f'attivitajiet umanitarji oħra.

Fi tmiem iż-żjara, il-Ministru rringrazzja din l-organizzazzjoni volontarja għall-impenn u l-ħidma kontinwa tagħha fis-servizz tal-komunità Maltija, filwaqt li awgura aktar suċċess fil-proġetti futuri tagħha.​​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on March 25, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on March 26, 2026 at 14:49 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]