03/23/2026 | Press release | Archived content
Il-ħarsien ta' cables u pipelines f'qiegħ il-baħar jeħtieġ ħidma kkoordinata bejn ir-reġjuni
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, fetaħ l-ewwel laqgħa tal-Global Forum of Maritime Fusion Centres Heads of Centre f'Malta, kollaborazzjoni bejn il-United Nations Office on Drugs and Crime (UNODC) u ċ-Ċentru Globali tal-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet Marittimi (GCMSM), li huwa bbażat fil-Belt Valletta.
Il-laqgħa ta' jumejn qed tlaqqa' flimkien il-kapijiet taċ-ċentri marittimi ta' fużjoni minn madwar id-dinja, biex jiddiskutu l-aħjar prattiċi f'dan il-qasam u jesploraw soluzzjonijiet għal sfidi mill-aktar urġenti dwar is-sigurtà marittima, fosthom l-iskansar tas-sanzjonijiet, it-traffikar illegali, u r-riskji għall-infrastruttura kritika f'qiegħ il-baħar.
Dr Borg innota li din il-laqgħa qed tikkonferma mill-ġdid l-irwol kruċjali tas-sigurtà marittima fil-ħidma għall-paċi, fil-ħarsien tal-istabbiltà ekonomika u fit-tisħiħ tal-ordni internazzjonali msejsa fuq ir-regoli. "Bħala Stat gżira, Malta tifhem sew l-importanza strateġika tal-baħar. Is-sigurtà u l-prosperità tagħna jiddependu fuq governanza marittima effettiva. Huwa għalhekk li b'mod konsistenti investejna biex insaħħu l-għarfien dwar il-qasam marittimu, l-infurzar tas-sanzjonijiet, u l-kooperazzjoni multilaterali," kompla jispjega.
Meta kien qed jitkellem dwar l-importanza tal-Proġett Maritime UN Sanctions Enforcement (MUSE), id-Deputat Prim Ministru rrikonoxxa li l-infurzar tas-sanzjonijiet fuq il-baħar huwa fost l-akbar sfidi fil-qafas globali tas-sanzjonijiet, u jeħtieġ investiment akbar fil-monitoraġġ f'ħin reali, fil-koordinazzjoni bejn il-fruntieri u f'iżjed koperazzjoni bejn iċ-ċentri ta' fużjoni, l-istati li jirreġistraw il-bastimenti, l-istati tal-portijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.
Dr Borg laqa' wkoll l-enfasi tal-Forum fuq il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika f'qiegħ il-baħar, kwistjoni ta' importanza kbira għas-sigurtà nazzjonali ta' Malta. "Inċidenti reċenti wrew kemm huma vulnerabbli l-cables, il-pipelines u assi oħrajn f'qiegħ il-baħar, kif ukoll il-konsegwenzi, potenzjalment serji, ta' kwalunkwe interruzzjoni f'din l-infrastruttura. Il-ħarsien ta' dawn is-sistemi għalhekk, m'hijiex biss responsabbiltà nazzjonali, iżda teħtieġ għarfien kondiviż, u teħtieġ ukoll inizzjattivi sabiex ikun hemm twissijiet bikrija dwar xi diffikultà, kif ukoll azzjonijiet ta' rispons konġunta u kkordinati bejn ir-reġjuni u l-istituzzjonijiet, f'każ ta' bżonn."
"Malta ttenni l-impenn qawwi tagħha biex tappoġġja ħidmiet internazzjonali li jsaħħu s-sigurtà marittima u jħarsu s-sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda, filwaqt li tkompli tħeġġeġ għal iżjed kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali, għall-innovazzjoni u għar-responsabbiltà kondiviża, lejn governanza marittima effettiva," temm jgħid Dr Borg.
Is-sessjoni tal-ftuħ tal-laqgħa kienet indirizzata wkoll mill-Kap tal-Uffiċċju tal-UNODC fil-Belt Valletta, Shanaka Jayasekara, mid-Direttur taċ-Ċentru Globali tal-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet Marittimi, Martin Cauchi Inglott, il-Programme Manager Global and Transregional Threats and Challenges tal-Kummissjoni Ewropea, Antoine Hanin, u l-Kmandant tal-Forzi Armati ta' Malta, il-Brigadier Clinton J O'Neill. Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Christopher Cutajar, u uffiċjali ewlenin oħra mill-ministeru u entitajiet oħrajn, flimkien ma' diversi ambaxxaturi għall-Malta, ukoll attendew il-laqgħa.