03/15/2026 | Press release | Distributed by Public on 03/16/2026 06:57
Waqt laqgħa tal-Kabinett man-nies tħabbar li:
Ġewwa l-faċilitajiet tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f'Ħal Far, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-membri tal-Kabinett tal-Ministri u rappreżentati tal-forzi tal-ordni u s-sigurtà ta' pajjiżna, iltaqgħu għal laqgħa li ffukat fuq is-sigurtà nazzjonali.
Waqt il-laqgħa, il-Prim Ministru Abela tenna li minkejja l-isfidi internazzjonali li qed taffaċċja d-dinja, Malta hija preparata u tibqa' pajjiż sigur. Sostna li f'pajjiżna jibqa' jkollna ċ-ċertezza u serħan il-moħħ lin-nies.
Waqt din il-laqgħa il-Prim Ministru ħabbar li l-Korp tal-Pulizija investa fi flotta ta' 30 vettura ġodda għat-Taqsima tar-Rapid Intervention Unit (RIU). Vetturi ġodda mgħammra sew għall-forzi tal-ordni u li joffru sens t'awtorità u viżibbiltà qawwija. Il-vetturi l-ġodda għandhom il-ħġieġ rinfurzat u għalhekk joffru aktar sigurtà għall-uffiċjali li jkunu fihom. Din l-inizjattiva tirrifletti investiment li jqarreb iż-żewġ miljun ewro. Il-vetturi l-ġodda skedati li jkunu fit-toroq sax-xahar id-dieħel.
Il-Prim Ministru nnota wkoll kif f'dawn l-aħħar jiem inżamm djalogu kostanti ma' diversi awtoritajiet dwar is-sitwazzjoni tat-tanker abbandunat li qed jinġarr mal-kurrent fil-baħar Mediterran. F'dan il-kuntest, huwa faħħar is-serjetà u l-impenn tal-forzi u tal-awtoritajiet Maltin li qed jaħdmu biex jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà tal-poplu tagħna.
Dr Abela enfasizza li l-forzi dixxiplinati jixirqilhom kull investiment u sostna li fl-aħħar snin il-Gvern żied b'mod sostanzjali l-investiment f'dawn il-korpi. Huwa fakkar li kien dan il-Gvern li introduċa l-ewwel ftehimiet kollettivi għall-korpi dixxiplinati, wara li fl-2015 daħħal bidla leġiżlattiva li tat dritt lil dawn il-ħaddiema jissieħbu f'unjin.
"Illum wasalna viċin biex nagħlqu t-tmien ftehim għal sezzjoni oħra ta' ħaddiema fil-korpi dixxiplinati. Wasalna biex nissiġġillaw ftehim ieħor għall-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili", qal il-Prim Ministru. Huwa spjega li ladarba dan il-ftehim jiġi konkluż, il-Gvern ikun iffirma żewġ ftehimiet għal kull korp dixxiplinat fi spazju ta' ftit snin.
Il-Prim Ministru faħħar ukoll ix-xogħol siewi tal-forzi tal-awtoritajiet biex Malta tibqa' pajjiż sigur. Huwa semma kif sa ftit ġimgħat ilu, waqt il-maltemp qawwi li laqat lil pajjiżna, il-forzi dixxiplinati flimkien ma' ħaddiema oħra taw prova ċara tad-dedikazzjoni u s-servizz li dawn jagħtu lejn il-komunità.
Huwa rrimarka li l-forzi tagħna dejjem iqumu għall-okkażjoni, dan hekk kif ipoġġu lilhom innfushom f'periklu biex jipproteġu lis-soċjetà. Għalhekk aħna grati lejhom. Grati għax-xogħol tant importanti li jwettqu biex iħarsu s-sigurtà ta' pajjiżna," saħaq il-Prim Ministru. Dan filwaqt li afferma l-fiduċja li l-pajjiżna għandu fihom u ħeġġiġhom biex jibqgħu jaħdmu għal Malta u Għawdex.
Il-Prim Ministru Abela qal li lill-forzi tagħna qed intuhom ukoll l-aqwa riżorsi. Dr Abela tenna li dan il-Gvern jifhem li wara kull ħaddiem hemm familja, għalhekk investa fil-bodycams - inizjattiva li qed tagħti l-frott anki fuq livell ta' qbid ta' kriminalità u fil-proċessi ta' investigazzjonijiet. Iddaħħlu ukoll il-panic alarms għall-vittmi ta' vjolenza domestika u fil-komunità qed jitwettaq il-proġett tal-Community Policing.
"Dan investiment ieħor favur Malta dejjem aktar sigura, investiment li nistgħu nagħmluh għax għandna ekonomija b'saħħitha, ekonomija li trendi u li tagħtina l-ispazju li ninvestu. Ninvestu favur il-familji, favur il-komunità u biex il-poplu tagħna jibqa' jgħix fis-serenità", temm jgħid il-Prim Ministru.
Il-laqgħa tal-Kabinett indirizzaha wkoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri. Qali li Malta preparata u Malta sigura ma ġewx b'kumbinazzjoni. Huma riżultat tal-preparazzjoni, tal-prevenzjoni u tal-azzjoni. Il-Ministru Camilleri spjega, "Il-preparazzjoni bl-investiment fit-taħriġ u fl-għodda, il-prevenzjoni bi strateġiji studjati biex nipprevjenu mhux biss insolvu, li jiġu attwati, wasslu biex il-familji Maltin u Għawdxin illum jgħixu f'pajjiż fost l-aktar siguri fid-dinja, bl-inqas rata ta' kriminalità.
Tenna li minkejja li dan il-Gvern wettaq ħafna f'dan is-settur, u dan qed jgħixuh in-nies filwaqt li jiċċertifikawh rapporti internazzjonali bħal World Justice Report, qegħdin jitwettqu aktar miżuri. Fil-fatt ħabbar, li mis-sajf li ġej ser tibda topera l-ewwel skwadra speċjalizzata f'Paceville, li ser tingħaqad mal-ħidma li qegħda ssir permezz ta' kameras li ġew installati, inkluż f'lokalitajiet oħra. B'mod parallel, qegħdin jitfasslu l-emendi legali li ser jintroduċu on-the-spot fines għal min mhux residenti Malta.
"Irridu wkoll ċittadini dejjem aktar preparati, għalhekk ser jitqassam ktejjeb f'kull dar dwar il-prevenzjoni flimkien ma' fire blanket, għaliex l-għan tagħna huwa l-prevenzjoni familji dejjem aktar siguri", qal il-Ministru.
Il-Ministru Byron Camilleri rrefera wkoll għal aktar riżultati miksuba, fosthom it-tnaqqis fil-wasliet ta' immigranti rregolari b'93% ikkumplimentata ma' waħda mill-ogħla rati ta' ritorn fl-Unjoni Ewropea. Filfatt, is-sena li għaddiet ġew ritornati 2,316 persuna li 111 wettqu atti kriminali. Finalment, tenna l-impenn għal aktar ħidma u riżultati.
Qabel bdiet din il-laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru Byron Camilleri żaru l-istazzjon tat-tifi tan-nar tad-Dipartiment tal Protezzjoni Ċivili, fejn apparti li ltaqgħu mal-ħaddiema ta' dan id-dipartiment, ingħataw ukoll dimostrazzjoni ta' tifi ta' 'fire wall display' anke permezz tal-fire engines il-ġodda.