Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

03/03/2026 | Press release | Distributed by Public on 03/04/2026 02:42

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU: Ftehim ġdid sabiex tiġi meqjusa l-possibbiltà li l-Università La Sapienza[...]


Il-ftehim isegwi diskussjonijiet tal-Università mad-Deputat Prim Ministru Borg is-sena li għaddiet

Il-Gvern Malti u UnitelmaSapienza, l-università online fi ħdan l-università prestiġjuża La Sapienza f'Ruma, iffirmaw ftehim biex jistabbilixxu qafas strutturat għal kooperazzjoni bejniethom f'Malta.

Il-ftehim kien iffirmat mir-Rettur ta' UnitelmaSapienza, il-Professur Bruno Botta, u mill-Ambaxxatur ta' Malta għall-Italja, Daniel Azzopardi, f'Ruma din il-ġimgħa, fil-preżenza tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, u uffiċjali oħrajn.

Dan il-ftehim isegwi ż-żjara produttiva li kellu l-Professur Botta f'Malta s-sena li għaddiet, u l-laqgħa tiegħu mad-Deputat Prim Ministru Borg fil-Belt Valletta. Il-ftehim jistabbilixxi pjan ta' ħidma strutturat biex tiġi mistħarrġa l-possibbiltà li La Sapienza jkollha preżenza f'Malta, kif ukoll sabiex tipprovdi servizzi akkademiċi u professjonali f'setturi rilevanti għall-ekonomija Maltija, kif ukoll kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi f'oqsma t'interess għad-diplomatiċi Maltin u uffiċjali pubbliċi.

Id-Deputat Prim Ministru Borg faħħar lil UnitelmaSapienza u lill-awtoritajiet Maltin, inkluż EducationMalta, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu u l-Ambaxxata ta' Malta f'Ruma, talli fi żmien qasir komplew jaħdmu fuq dak li kien diskuss is-sena li għaddiet, sabiex jikkonkludu dan il-ftehim u jiftħu t-triq għal kollaborazzjonijiet ġodda u promettenti.

"Dan il-ftehim se jsaħħaħ l-iżvilupp tal-akkademiċi u tal-istudenti fil-pajjiżi tagħna u lil hinn minnhom. Se nkomplu nappoġġjaw liż-żewġ naħat, filwaqt li nħeġġukom tużaw il-potenzjal u l-ħiliet rispettivi tagħkom sabiex inwettqu dan il-ftehim bil-għaqal. Edukazzjoni ta' kwalità hija l-aktar triq effettiva lejn l-ugwaljanza, ir-reżiljenza u l-prosperità. Irridu li toħolqu opportunitajiet tanġibbli ta' valur miżjud li jistgħu jappoġġjaw il-progress tagħna fl-edukazzjoni u f'ħafna aspetti oħra soċjoekonomiċi," sostna d-Deputat Prim Ministru Borg.

Il-Professur Botta nnota li dan il-ftehim jirrifletti impenn komuni lejn it-tisħiħ tar-rabtiet akkademiċi u istituzzjonali bejn Malta u l-Italja. "Il-kollaborazzjoni tagħna llum hija pass importanti lejn kooperazzjoni aktar b'saħħitha, aktar tanġibbli, u aktar strutturata bejn UnitelmaSapienza u Malta. Nemmnuh bis-sħiħ fil-valur tad-djalogu akkademiku internazzjonali u fl-iskambju tal-għarfien sabiex jixprunaw l-iżvilupp taż-żewġ naħat," hu qal.

L-Ambaxxatur Azzopardi ukoll irringrazzja lil Education Malta, lill-Ministeru u lil UnitelmaSapienza għal dan il-ftehim importanti. "Dan se jippermettilna niffokaw fuq oqsma speċifiċi ta' kooperazzjoni, bl-għan aħħari li nibnu rabtiet aktar mill-qrib ma' UnitelmaSapienza, bħala l-fergħa diġitali ta' waħda mill-aktar universitajiet prominenti fl-Ewropa, Sapienza. Dan l-isforz se jkompli jressaq aktar qrib lil Malta u lill-Italja," spjega l-Ambaxxatur.

Id-Direttur Ġenerali ta' UnitelmaSapienza, Mauro Giustozzi, il-Viċi Retturi Rosella Castellano u Pier Luigi Petrillo, u l-Kap tal-Uffiċċju tal-Internazzjonalizzazzjoni, Maria Grazia Semilia, kienu wkoll preżenti waqt l-iffirmar tal-ftehim.

Ritratt: MFT

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on March 03, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on March 04, 2026 at 08:42 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]