11/02/2025 | Press release | Distributed by Public on 11/03/2025 06:55
Il-Gvern ta' Malta tard dalgħodu rċieva kopja tas-sentenza maħruġa mit-tribunal ta' arbitraġġ fir-rigward tal-proċeduri ta' arbitraġġ internazzjonali li jinvolvu lil Steward Healthcare, deċiża taħt ir-Regoli tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (ICC).
It-tribunal laqa' d-difiża prinċipali tal-Gvern u ċaħad it-talba kuntrattwali ta' Steward Healthcare li kienet ta' madwar €148 miljun.
It-tribunal ta' arbitraġġ ċaħad it-talbiet ta' Steward u applika l-prinċipji tar-restituzzjoni skont il-Liġi Maltija. Ma ngħatawx danni lil ebda waħda mill-partijiet. It-tribunal rrikonoxxa li Malta rċeviet valur ġust għas-servizzi mwettqa minn Steward u għall-ħlasijiet li saru mill-Gvern ta' Malta taħt il-konċessjoni.
Skont is-sentenza tal-ICC, il-benefiċċji totali li rċieva l-Gvern ta' Malta jammontaw għal €889,434,091, filwaqt li dawk li rċeviet Steward Healthcare jammontaw għal €884,644,629, b'differenza ta' €4.78 miljun li huma dovuti lil Steward Healthcare.
It-tribunal tal-ICC ċaħad ukoll it-talba ta' Steward li l-Gvern ta' Malta temm il-konċessjoni b'mod illegali jew li kien dovuti kumpens kuntrattwali.
Il-Gvern ta' Malta se jkompli jevalwa d-deċiżjoni sħiħa flimkien mal-Avukat tal-Istat u l-konsulenti legali tiegħu sabiex jikkunsidra l-implikazzjonijiet legali tas-sentenza.
Ir-riżultat ta' dawn il-proċeduri ta' arbitraġġ jikkonferma l-pożizzjoni tal-Gvern biex jipproteġi l-interess nazzjonali u jiżgura li r-riżorsi pubbliċi jibqgħu jiġu amministrati fl-aħjar interess taċ-ċittadini Maltin.
Il-Gvern ta' Malta jirringrazzja lill-impjegati pubbliċi u lill-konsulenti legali li taw is-sehem tagħhom biex isalvagwardjaw l-interess pubbliku f'dan il-każ.
Aktar informazzjoni tingħata hekk kif it-tim legali tal-Gvern itemm l-analiżi tiegħu tal-konklużjonijiet dettaljati tat-tribunal.