Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar il-proġett ta' restawr li għaddej bħalissa fuq it-Torri Vendome, magħruf ukoll bħala t-Torri ta' Qrajten jew Craite, f'Marsaxlokk.
Dan it-torri storiku huwa wieħed minn erba' torrijiet mibnija fl-1715/16 mill-Prijur ta' Franza, Philippe de Vendome, li kien insista fuq il-ħtieġa ta' aktar difiża madwar il-kosta tal-gżejjer Maltin.
"Dan il-proġett jirrifletti l-viżjoni tagħna li nżommu ħaj il-passat u nagħmlu l-wirt tagħna aċċessibbli u apprezzat minn kulħadd. Huwa importanti li nkomplu nagħtu valur lil-lokalitajiet tagħna. Torrijiet bħal dawn ma jirrappreżentawx biss ġebel u arkitettura, imma huma xhieda ħajja tal-istorja u l-kisbiet ta' ġenerazzjonijiet sħaħ ta' Maltin u Għawdxin," stqarr il-Ministru Bonnici.
"Il-fatt li qed nirrestawrawhom u nagħtuhom ħajja ġdida jfisser li qed inwasslu messaġġ ta' rispett u mħabba lejn il-wirt tagħna, filwaqt li noħolqu spazji ġodda fejn il-familji u l-viżitaturi jistgħu jgawdu u jitgħallmu aktar dwar min aħna u minn fejn ġejna. Dan huwa investiment fil-kultura tagħna, fl-edukazzjoni u fil-futur tagħna bħala poplu," temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Matul il-gwerra, waħda mill-kantunieri tħares lejn l-art ġiet imġarrfa, iżda ġiet irrestawrata mill-ewwel permezz ta' fondi għall-ħsarat tal-gwerra. It-torri għandu pjanta kwadra, ħitan esterni inklinati u diversi "musketry loopholes", aperturi minn fejn is-suldati kienu jisparaw fuq l-għadu. Fuq il-bieb prinċipali x'aktarx kien hemm gallarija tal-misħun, li maż-żmien inbidlet. Internament, it-torri jikkonsisti fi spazji msaqqfa bi troll u taraġ li jwassal fuq il-bejt, minn fejn is-suldati kienu jżommu l-għassa u jiġġieldu minn wara l-apramorta. Il-foss li kien jikkonċerna l-perimetru tat-torri kien intradam maż-żmien, u d-drawbridge oriġinali wkoll intilef.
Il-Perit inkarigata mix-xogħlijiet tat-Torri Audrey Anne Bonnici, qalet kif ix-xogħlijiet ta' restawr jinkludu tindif tal-faċċati kollha, kif ukoll tneħħija ta' msiemer u interventi żejda, tikħil ta' fili b'taħlita bbażata fuq il-ġir, tibdil ta' ġebel deterjorat, tiswijiet żgħar tad-deffun fuq il-bejt, restawr tad-deffun tas-superior slope u rikostruzzjoni ta' partijiet neqsin jew deterjorati.
Id-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni diġà lesta d-dokumentazzjoni kollha u kiseb il-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar. Bħalissa, wara t-tlestija tal-iscaffolding, beda t-tindif tat-torri u l-irfid tal-faċċata li tħares lejn in-Nofsinhar.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm is-Sindku ta' Marsaxlokk Steven Grech u membri tal-Kunsill Lokali ta' Marsaxlokk.