Id-Deputat Prim Ministru Borg jiffirma dikjarazzjoni għall-ħarsien tal-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja f'żoni ta' kunflitti
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, qed ikompli jirrappreżenta lil Malta f'għadd ta' impenji internazzjonali ta' livell għoli matul l-ewwel jiem tat-80 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda (UNGA 80), sabiex Malta ttenni l-impenn tagħha li tkompli tmexxi 'l quddiem il-paċi, l-ugwaljanza, u l-kooperazzjoni multilaterali.
"Din hija l-iktar ġimgħa importanti fil-politika internazzjonali, hawn fi New York, fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda. Il-qofol ta' din il-ġimgħa seħħ it-Tnejn, b'mument storiku meta l-Prim Ministru tagħna, f'isem ir-Repubblika ta' Malta, irrikonoxxa formalment l-Istat tal-Palestina," qal id-Deputat Prim Ministru Borg.
Minbarra dan ir-rikonoxximent importanti, id-delegazzjoni Maltija qed tieħu sehem ukoll f'diversi impenji oħra. Bħala President tal-Grupp ta' Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth (CMAG), Dr Borg mexxa s-70 Laqgħa ta' dan l-istess Grupp u sussegwentement ippreżenta r-rapport tiegħu fil-Laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Commonwealth (CFAMM), fejn Malta kompliet bl-irwol attiv tagħha biex tmexxi 'l quddiem iżjed kooperazzjoni fi ħdan il-Commonwealth, u l-ħarsien tal-valuri demokratiċi fost il-pajjiżi membri tagħha.
"F'dawn l-okkażjonijiet, Malta tieħu l-opportunità biex tippromwovi l-prijoritajiet tagħna, kemm jekk huma l-isfidi ta' stati żgħar gżejjer, l-azzjoni klimatika, il-libertajiet ċivili, jew il-progress fid-drittijiet tan-nisa," qal id-Deputat Prim Ministru.
Dan l-impenn kompla jissaħħaħ waqt id-diskors tiegħu f'avveniment li fakkar it-30 anniversarju tar-Raba' Konferenza Dinjija tan-Nisa. "Kważi rduppjajna r-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament u lħaqna livell rekord ta' parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol - Malta għamlet passi kbar 'il quddiem. Imma xorta jonqos ħafna sfidi x'jingħelbu, u determinati li niżguraw li ebda mara jew tifla ma jitħallew jaqgħu lura."
Fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, id-Deputat Prim Ministru Borg ingħaqad ukoll ma' mexxejja oħra biex jiffirma d-Dikjarazzjoni għall-Protezzjoni tal-Ħaddiema tal-Għajnuna Umanitarja, f'isem Malta. Din id-dikjarazzjoni, inizjattiva mill-Awstralja, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (UNOCHA) u msieħba oħra, tagħti ġieħ lill-ħaddiema umanitarji li tilfu ħajjithom f'żoni ta' kunflitt madwar id-dinja, filwaqt li tistieden biex jissaħħu l-miżuri ta' protezzjoni għal dawn l-istess ħaddiema. Din l-inizjattiva tibni fuq ix-xogħol ta' Malta matul it-terminu tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-2023 u l-2024, bl-għan li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-persuni ċivili u li jiġu mħarsa l-liġijiet internazzjonali dwar l-għajnuna umanitarja.
Id-Deputat Prim Ministru Borg ipparteċipa wkoll fil-Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE, li ffukat fuq sfidi reġjonali u globali urġenti. Hawnhekk saħaq dwar l-importanza tal-għaqda u s-solidarjetà, kif ukoll sabiex ikun hemm vuċi Ewropea b'saħħitha fil-ħidma biex jingħelbu diversi kriżijiet internazzjonali.
Dawn l-impenji juru r-rwol proattiv ta' Malta fit-tfassil tal-aġenda internazzjonali u fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni multilaterali, mill-Unjoni Ewropea sal-Commonwealth u fora internazzjonali oħrajn, filwaqt li tibqa' tippromwovi l-valuri ewlenin tal-paċi, l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda.
L-impenji ta' Malta fl-UNGA se jkomplu fil-jiem li ġejjin.