Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

05/02/2025 | Press release | Distributed by Public on 05/03/2025 09:09

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI: Iż-żgħażagħ fiċ-ċentru tal-ippjanar urban – Il-Ministru Chris Bonett jilqa’[...]


Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, indirizza konferenza li għaliha attendew rappreżentanti minn kunsilli lokali, NGOs u żgħażagħ li ħadu sehem fil-proġett 'Pump It… Empowered', inizjattiva konġunta bejn l-NGOs MOVE u MMSA (Malta Street Sports Alliance).

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Bonett saħaq fuq ir-rwol kruċjali taż-żgħażagħ fil-bidla pożittiva li l-gvern qiegħed iwettaq fl-ispazji urbani, b'enfasi fuq l-ambjent u l-mobbiltà alternattiva. "L-enerġija u l-kreattività taż-żgħażagħ jistgħu jissarrfu f'proposti konkreti, bħal f'dan il-każ, fejn ġew ippreżentati rakkomandazzjonijiet dwar kif niddisinjaw u nħaddmu l-ispazji pubbliċi tagħna," qal il-Ministru Bonett. Huwa spjega l-viżjoni tiegħu u tal-gvern biex l-ippjanar urban iservi lin-nies u mhux bil-maqlub. "Proġetti bħal dawk ta' 'Vjal Kulħadd' u l-bidla fil-pjazza tal-Birgu li inawgurajna ftit ġimgħat ilu huma eżempji konkreti ta' kif qed inġibu l-ispazji lura lin-nies, mhux biss bħala postijiet ta' passaġġ, iżda bħala ċentri ħajjin ta' identità u komunità", temm jgħid il-Ministru Bonett.

F'din l-okkażjoni, ġew ippreżentati wkoll tliet rakkomandazzjonijiet mill-proġett 'Pump It... Empowered', ibbażati fuq attivitajiet ta' street sports u proċessi ta' placemaking maż-żgħażagħ madwar Malta. Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin jipproponu sehem aktar attiv miż-żgħażagħ fil-proċess ta' disinn ta' proġetti, infrastruttura li tħeġġeġ stil ta' ħajja attiv kif ukoll sħubijiet strutturati bejn għaqdiet u entitajiet diversi li jwasslu għall-użu tal-ispazji pubbliċi permezz ta' attivitajiet regolari.

Il-Ministru Bonett laqa' dawn ir-rakkomandazzjonijiet u qal li dawn iservu bħala ispirazzjoni għal dawk li jfasslu l-politika. "Jekk irridu li ż-żgħażagħ ikunu parteċipi fil-komunità, irridu noħolqu spazji li jagħtuhom vuċi, opportunitajiet u sens ta' sħubija fil-bidla li rridu naraw".

Hu żied li l-gvern se jkompli jikkollabora mal-kunsilli lokali u mal-NGOs biex jintegraw dawn il-prinċipji fil-proġetti infrastrutturali u ta' żvilupp urban, kemm fuq livell lokali kif ukoll nazzjonali.




Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on May 02, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on May 03, 2025 at 15:10 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at support@pubt.io