Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

07/10/2025 | Press release | Distributed by Public on 07/11/2025 06:31

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA “Impenjati li nilħqu l-għanijiet klimatiċi tal-UE mingħajr piż żejjed fuq iċ-ċittadini” – il-Ministru[...]


Malta tenniet l-impenn tagħha favur l-azzjoni klimatika u l-progress ambjentali waqt taħditiet ta' livell għoli fil-Kunsill Informali tal-Ministri għall-Ambjent f'Aalborg, id-Danimarka.

Waqt diversi sessjonijiet, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli enfasizzat li r-realtajiet taċ-ċittadini u l-flessibbiltà għandhom jixprunaw l-azzjonijiet klimatiċi li ser iwassluna lejn l-2040 u lil hinn.

Il-Ministru Dalli enfasizzat li: "Aħna, bħala pajjiż, impenjati bis-sħiħ li nilħqu l-għanijiet klimatiċi tal-UE, imma rridu nilħquhom b'mod li jkun ġust, sostenibbli u li jwassal għal riżultati konkreti mingħajr piż mhux neċessarju fuq in-nies tagħna. Kull Stat Membru għandu jingħata l-għodod u l-flessibbiltà meħtieġa biex iwettaq ir-rwol tiegħu. Malta hija lesta li tagħmel dan."

Il-laqgħa laqqgħet flimkien ministri għall-ambjent minn madwar l-Unjoni Ewropea biex jiddiskutu l-prijoritajiet qabel il-COP30, il-konferenza globali li jmiss dwar il-klima u li se ssir fil-Brażil.

Minkejja li Malta hija gżira żgħira f'nofs il-Mediterran, pajjiżna enfasizza fuq il-ħtieġa urġenti li jitlesta l-Għan Globali dwar l-Adattament, għan ewlieni li għandu jgħin lill-pajjiżi jadattaw għall-effetti dejjem aktar ħorox tal-bidla fil-klima.

"L-adattament huwa essenzjali għal stati gżejjer żgħar u komunitajiet li jinsabu fuq quddiem nett," wissiet il-Ministru, waqt li sejħet biex rapporti bħall-Kontribuzzjonijiet Determinati fuq Livell Nazzjonali (NDCs) jintużaw mhux biss biex jitkejjel il-progress, imma biex tinbena narrattiva globali ċara u kondiviża. L-NDCs huma pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali skont il-Ftehim ta' Pariġi.

Dwar il-futur ambjentali tal-Ewropa, il-Ministru Miriam Dalli appellat għal aktar azzjoni f'żewġ oqsma kruċjali: l-adattament klimatiku u l-ekonomija ċirkulari. Il-Ministru semmiet kisbiet nazzjonali sinifikanti, fosthom ir-rata ta' użu ta' materjal ċirkulari f'Malta li qabżet il-medja tal-UE fl-2023 bi 19.8%, filwaqt li rrikonoxxiet li dan it-tragward intlaħaq minkejja d-diffikultajiet li pajjiżna jaffaċċja minħabba riżorsi naturali limitati.

Suġġett ieħor li Malta enfasizzat dwaru huwa l-importanza li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ilma bħala parti mill-adattament. Malta, bħalissa, qiegħda taħdem fuq Pjan Nazzjonali għall-Adattament, b'enfasi partikolari fuq is-settur tal-ilma. B'mod proattiv, dan il-Pjan qiegħed ikun imħejji fid-dawl tal-iskarsità tax-xita u ż-żieda fil-livell tal-baħar. F'dan il-kuntest, Malta esprimiet appoġġ qawwi għall-Inizjattiva għar-Reżiljenza tal-Ilma li ġiet imnedija reċentement mill-UE.

Ħarsitna lejn l-2040 u 'l quddiem, il-Ministru Dalli qalet li Malta tappoġġja mira klimatika bbażata fuq ix-xjenza, iżda li għandha tkun ġusta u finanzjarjament sostenibbli. B'mod partikolari, il-Ministru saħqet fuq il-ħtieġa li l-UE tiżviluppa politiki li jqisu r-realtajiet u l-kapaċitajiet nazzjonali.

"Aħna pajjiż żgħir li eliminajna l-aktar fjuwils li jniġġsu u investejna f'enerġija rinnovabbli, imma rridu nindirizzaw ukoll sfidi f'oqsma oħra. Il-pakkett klimatiku li jmiss irid jirrifletti dan," qalet il-Ministru Dalli.

Malta pproponiet aktar flessibbiltà bejn is-sistemi tal-kummerċ tal-karbonju tal-UE biex jaqblu mar-realtajiet nazzjonali, l-inklużjoni ta' krediti internazzjonali ta' integrità għolja fil-politika futura tal-UE, kif ukoll aċċess aħjar għall-finanzjament klimatiku għal stati żgħar, li ħafna drabi jiġu esklużi minħabba d-daqs jew il-kumplessità amministrattiva.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on July 10, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on July 11, 2025 at 12:31 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at support@pubt.io