Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

04/14/2026 | Press release | Distributed by Public on 04/15/2026 12:33

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Regolamenti ġodda għal-lukandi u proprjetajiet mikrija għal żmien qasir

L-awtoritajiet tat-turiżmu mhux se jibqgħu jikkunsidraw lukandi ġodda jew estensjonijiet ta' dawk eżistenti li jaqbżu l-limiti tal-għoli taż-żona

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, ħabbar regolamenti ġodda li se jkomplu jtejbu l-kwalità tal-akkomodazzjonijiet turistiċi, fosthom lukandi, boutique hotels u proprjetajiet residenzjali li jinkrew għal żmien qasir.

Ir-Regolamenti tal-2026 dwar l-Alloġġ Turistiku, taħt l-Att dwar Servizzi tal-Ivvjaġġar u tat-Turiżmu għal Malta, se jieħdu post u jsaħħu erba' leġislazzjonijiet sussidjarji eżistenti dwar tipi differenti ta' akkomodazzjoni turistika.

"Ir-regolamenti l-ġodda se jagħlqu diversi lakuni li kien hemm fl-infurzar, u jsaħħu r-regolamenti eżistenti biex jikkontribwixxu għall-bidliet strateġiċi li qed jimmiraw għalihom il-Gżejjer Maltin, lejn offerta turistika aktar reżiljenti u ta' valur ogħla, filwaqt li jissalvagwardjaw il-ħarsien tal-komunitajiet lokali," qal Dr Borg.

"It-turiżmu huwa pilastru ewlieni tal-ekonomija. Sabiex niżguraw il-futur tiegħu jeħtieġ nieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi u responsabbli, filwaqt li nagħtu direzzjoni ċara għall-investimenti futuri f'dan il-qasam. Dan huwa dak li qed nagħmlu b'dawn ir-regolamenti, li se jgħollu l-livell f'kull tip t'akkomodazzjoni, sabiex niżguraw li nibqgħu nilħqu l-aspettattivi ta' dawk li jżuruna," kompla jispjega.

Fost bidliet oħra, sidien jew operaturi ta' proprjetajiet ta' kirjiet għal żmien qasir issa se jkunu meħtieġa jwaħħlu tabella barra l-bieb tal-proprjetà, li tinkludi n-numru tal-liċenzja u l-isem u n-numru ta' kuntatt ta' persuna li tkun disponibbli 24 siegħa kuljum biex tirċievi l-ilmenti u ssolvi d-diffikultajiet relatati li jistgħu jinqalgħu. Fil-każ ta' proprjetajiet li jiffurmaw parti minn kondominju, hekk kif is-sidien jingħataw liċenzja mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), ikunu wkoll obbligati jipprovdu din l-informazzjoni lill-amministraturi tal-blokka residenzjali konċernata.

Akkomodazzjonijiet mikrija għal żmien qasir se jkollhom ukoll jippreżentaw u jwettqu pjan adegwat ta' ġbir u mmaniġġjar tal-iskart, flimkien ma' rekwiżiti oħra relatati. Sidien li jinqabdu jikru akkomodazzjonijiet għal żmien qasir mingħajr liċenzja valida tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) issa jistgħu jiġu skwalifikati milli japplikaw għal-liċenzja għal tliet snin, u dan minbarra penali oħrajn applikabbli.

Ir-regolamenti mħabbra nhar l-Erbgħa jintroduċu wkoll rekwiżiti aġġornati għal żviluppi ta' lukandi ġodda jew żvilupp mill-ġdid u estensjonijiet ta' lukandi eżistenti, kif ukoll għal stabbilimenti oħra ta' akkomodazzjoni kollettiva, inklużi guest houses u boutique hotels. Dan sabiex iħeġġu lill-investituri jiffukaw fuq servizz aħjar, aktar milli fuq il-volum.

L-MTA mhux se tibqa' tikkunsidra b'mod favorevoli applikazzjonijiet għal lukandi ġodda jew għal estensjonijiet u żvilupp mill-ġdid ta' lukandi eżistenti li jaqbżu l-għoli massimu permess fiż-żona, hekk kif stabbilit fil-Local Plan Height Limitation Maps jew fid-Development Briefs.

Lukandi ġodda, estensjonijiet jew żvilupp mill-ġdid ta' lukandi eżistenti b'aktar minn 200 kamra, kif ukoll lukandi b'klassifikazzjoni inqas minn tliet stilel, ukoll mhux se jiġu kkunsidrati. Bl-istess mod, guest houses se jiġu kkunsidrati biss sa massimu ta' 20 kamra jekk ikunu jinsabu f'Żoni ta' Konservazzjoni Urbana, f'bini skedat jew f'bini b'karatteristiċi arkitettoniċi partikolari, u jiġu aċċettati biss jekk l-iżvilupp propost ikun qed jiżgura l-ħarsien tal-wirt arkitettoniku tal-proprjetà.

Ir-regolamenti qed jenfasizzaw b'mod partikolari r-restawr sensittiv u l-użu mill-ġdid ta' bini ta' valur storiku għal akkomodazzjonijiet turistiċi ta' kwalità għolja, permezz tal-introduzzjoni tat-Tikketta tal-Patrimonju u t-tikketta Diffuso, li tippermetti li lukandi u guest houses joperaw minn għadd ta' binjiet differenti fl-istess Żona ta' Konservazzjoni Urbana qrib binja ċentrali li fiha jkun hemm il-faċilitajiet ewlenin. L-MTA se tippermetti li lukandi u guest houses ta' tlieta, erba' u ħames stilel jippromwovu lilhom infushom bħala "lukandi ta' patrimonju", dejjem jekk il-karatteristiċi storiċi tagħhom ikunu ġew imħarsa b'mod tajjeb.

Għall-ewwel darba, qed jidħlu wkoll fil-liġi Maltija t-tikketti ta' lukandi Boutiques u Boutiques Lussużi, u dan sabiex ikun xprunat aktar investiment f'dawn it-tip t'akkomodazzjonijiet tal-ogħla livell.

Ir-regolamenti l-ġodda tfasslu wara proċess sħiħ ta' konsultazzjoni ma' dawk kollha konċernati, inkluż perjodu ta' konsultazzjoni ta' xahar f'Novembru li għadda, li minnu nkisbu aktar minn 260 fehmiet u suġġerimenti. Saru wkoll diskussjonijiet ma' rappreżentanti tal-industrija, entitajiet governattivi, kunsilli lokali, u oħrajn involuti f'dan il-qasam. Il-konsultazzjoni kienet tinkludi wkoll żewġ webinars b'kollaborazzjoni mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji u l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta' Għawdex.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on April 14, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on April 15, 2026 at 18:33 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]