Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

05/01/2025 | Press release | Distributed by Public on 05/02/2025 05:34

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Tnedija[...]

Il-Proġett NotaryPedia tnieda b'mod uffiċjali bħala inizjattiva nazzjonali li tgħaqqad it-teknoloġija avvanzata mal-preservazzjoni tal-wirt storiku u legali ta' Malta. Dan il-proġett innovattiv qed juża l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) u teknoloġiji ta' knowledge graphs biex jagħmel l-arkivji notarili Maltin aktar aċċessibbli u interattivi għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Il-pjattaforma NotaryPedia se tagħmel dawn id-dokumenti, li ħafna minnhom huma miktubin b'Latin notarili u b'ortografija ta' żmienhom, aċċessibbli għal riċerkaturi, storiċi, ġurnalisti, professjonisti legali u l-pubbliku inġenerali. Il-pjattaforma se tintuża biex jiġu żviluppati għodod intelliġenti għal traskrizzjoni awtomatika u l-estrazzjoni tal-għarfien, li se jiffaċilitaw ir-riċerka u jħallu lill-utenti jiskopru konnessjonijiet moħbija fil-kontenut.

Waqt it-tnedija l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, qal, "Il-Proġett NotaryPedia se jpoġġi lil Malta fuq quddiem nett fid-diġitalizzazzjoni u l-esplorazzjoni semantika ta' arkivji storiċi, u se jservi bħala mudell għall-pajjiżi oħra li għandhom wirt dokumentarju simili." Huwa spjega kif din l-inizjattiva tiffoka fuq il-manuskritti notarili li jmorru lura sas-seklu ħmistax, u li jinkludu dokumenti bħalma huma testmenti, kuntratti taż-żwieġ, trasferimenti ta' propjetà u doti, fost oħrajn.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, enfasizza l-importanza ta' dan il-proġett. "Dan huwa proġett ieħor li se jagħti spinta mhux biss lir-riċerkaturi interessati, imma wkoll lil studjużi dwar is-suġġett. Qed inkomplu nagħmlu użu mill-Intelliġenza Artifiċjali għall-ġid tas-soċjetà, bis-sehem imprezzabbli tal-Università ta' Malta."

Dr Joan Abela, President tal-Fondazzjoni tal-Arkivji Notarili, irrimarkat, "NotaryPedia huwa proġett li ilna nistennew u li mhux biss se jippreserva wirt nazzjonali ta' importanza storika, imma se jagħmlu aċċessibbli b'modi innovattivi. Huwa mument ta' kburija għal tim impenjat fil-qasam tal-paleografija, katalogazzjoni u diġitizzazzjoni."

Dr Charlie Abela, li jmexxi l-proġett f'isem id-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali, żied: "Dan huwa eżempju ċar ta' kif it-teknoloġija tista' sservi għall-ġid kulturali. Bl-użu tal-AI, qed nagħmlu l-istorja ħajja u aċċessibbli għal kulħadd."

Ir-Rettur tal-Università ta' Malta, Prof. Alfred J. Vella, spjega, "L-involviment tal-Università f'din l-inizjattiva juri kemm ir-riċerka u l-għarfien akkademiku tagħna qed jagħtu frott reali lis-soċjetà. Huwa ta' unur li l-kompetenza tagħna qed tinfirex f'proġetti b'impatt daqshekk wiesa'."

Il-proġett huwa frott ta' kollaborazzjoni fuq tliet snin bejn id-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Fakultà tal-ICT fl-Università ta' Malta, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, u l-Fondazzjoni tal-Arkivji Notarili.​​​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on May 01, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on May 02, 2025 at 11:34 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at support@pubt.io